Deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir dwar ksur tad-Direttiva ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM u TVM 2 rigward ksur tad-Direttiva ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir, liema direttiva kienet tobbliga lill-istazzjon li:
mhux anqas minn darbtejn fil-ġimgħa jistieden rappreżentanti/kandidati tal-partiti u movimenti li se jikkontestaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Għall-finijiet ta’ kjarifika, l-Awtorità qed tirreferi speċifikament għal Alternattiva Demokratika, Imperium Europa, Alleanza Bidla u Alleanza Liberali.
Tali parteċipazzjoni għandha tkun jew fi programmi ta' diskussjoni jew waqt irkejjen fi programmi oħra li matulhom ikunu qed jiġu ttrattati materji ta' ġrajjiet kurrenti.
Kull intervent ta’ dawn ir-rappreżentanti għandu jkun mhux anqas minn għaxar minuti li matulhom il-kelliema ikunu jistgħu jwasslu l-messaġġi tagħhom b’rabta mal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Fil-każ tal-kandidat indipendenti li qed jikkontesta f’isem il-Partit tal-Ajkla, dan għandu jiġi mistieden ta’ lanqas darba fil-ġimgħa u l-intervent m’għandux ikun anqas minn ħames minuti.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Reno Bugeja, Manager News & Current Affairs u lil Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd f’seduta li nżammet ilbieraħ 15 ta’ Mejju, 2014.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u għaldaqstant imponiet il-penali relattiva ta’ erbat elef sitt mija u sittin Ewro €4,660 liema impożizzjoni ta’ penali ġiet sospiża sa nhar il-Ħadd 18 ta’ Mejju, 2014.
Illum 16 ta’ Mejju, 2014