Deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir dwar l-akkuża fir-rigward ta’ ONE dwar l-edizzjoni tal-programm Liquorish
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-programm Liquorish li xxandar fis-6 t’April, 2015 fuq ONE fejn ġie allegat li kien hemm ksur tal-provvedimenti dwar tqegħid ta’ prodott u ċioe’ Artiklu 16M (3)(c) meta l-edizzjoni tal-programm kellha diversi nuqqasijiet u ċioe:
iffukar fuq ix-shampoo tad-ditta Keune; fil-programm intwerew xeni ta’ wħud mill-parteċipanti qed jinħaslu u hawnhekk kien hemm iffukar fuq ix-shampoo tad-ditta Keune.
iffukar fuq prodotti tal-ikel ta’ Marion Mizzi akkumpanjat minn kliem ta’ tifħir, kemm min-naħa tal-preżentatur, kif ukoll minn waħda mill-parteċipanti; ingħataw ukoll dettalji dwar il-karatteristiċi tal-prodott; “..dawn fihom in-nutrijenti u dak kollu li għandkom bżonn biex tkomplu għaddejjin... kulħadd irid jipprepara qisu one scoop and a half; min hu iżjed minn tmenin kilo, l-irġiel u hekk, jieħdu d-doppju biex ovjament ixxebbaħhom. U żżommkom għal ammont sew ta’ siegħat... filgħodu nistgħu nagħmlu x-shake li jżommkom ħames sitt siegħat mingħajr ma jaqbadkom ġuħ” “Hawn vera healthy u ta’ malajr... għandna ninżlu Malta top-models... fih il-vitamini kollha, protein” .
iffukar fuq xugaman tad-ditta Keune u ffukkar fuq żarbun tad-ditta Salomon; waqt li kienu qed jintwerew xeni tal-post fejn kienu qed jorqdu l-parteċipanti kien hemm iffukar fuq xugaman tad-ditta Keune kif ukoll iffukar fuq żarbun/papoċċ tad-ditta Salomon.
iktar iffukar fuq il-prodotti ta’ Marion Mizzi, Pfanner, Fitness (Cereal Bar) u Nescafè; waqt li l-parteċipanti kienu qed jieħdu l-kolazzjon flimkien kien hemm iffukar fuq il-prodotti ta’ Marion Mizzi, juices tal-Pfanner, cereal bar tal-Fitness kif ukoll pakkett tan-Nescafè.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella Micallef li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lis-Sinjuri Warren Brimmer u Joseph Cauchi f’isem il-produzzjoni tal-programm, f’seduta li nżammet fid-19 ta’ Mejju, 2015.
Dwar il-każ in eżami s-Sur Brimmer qal li l-kunċett ta’ undue prominence li fuqu kienet ġiet strutturata l-akkuża kien wieħed ambigwu u suġġettiv. Żied li l-produzzjoni kienet qed tagħmel ħilitha kollha sabiex tippreżenta programmi ta’ kwalità għolja b’investiment konsiderevoli.
Is-Sur Brimmer qal li n-natura tal-programm (reality) kienet tagħmilha ferm diffiċli li tkun eskluża kompletament referenza għall-prodotti kemm viżwalment u kif ukoll verbalment. Huwa spejga r-raġuni li għaliha fl-opinjoni tal-produzzjoni, l-iffilmjar u r-referenzi li jissemmew fl-akkuża kienu essenzjali għall-iskop ta’ reality show, bħal per eżempju biex tiġi stabbilità l-lokalità jew il-ħin tal-istorja fil-programm, jew għal raġuni ta’ krejattivita` waqt l-iffilmjar.
Iċ-Chairman ippreċiża li l-liġi ma kienitx tipprojbixxi l-viżibiltà jew ir-referenza għall-prodotti iżda kienet tipprojbixxi l-viżibiltà u r-referenza żejda u mhux dovuta (undue).
Wara li rtiraw mill-kamra l-Kap Eżekuttiv u r-rappreżentanti tal-istazzjon, l-Awtorità għaddiet biex teżamina kemm dak li ġie sottomess mill-Kap Eżekuttiv kif ukoll mill-istazzjon fid-difiża tiegħu.
L-Awtorità rat ukoll il-filmat tal-programm li dwarhu kienet ħarġet l-akkuża u rrilevat illi l-element bażiku li dwarhu kellha tiddeċiedi l-każ in eżami, kien jekk fil-fatt kienx jirriżulta li kien hemm “prominenza mhux dovuta lill-prodotti in kwistjoni”.
L-Awtorità filwaqt li ddikjarat li kienet tapprezza li jista’ jkun hemm element ta’ soġġettivita` meta wieħed jiġi biex jiddeċiedi x’jikkostitwixxi “prominenza mhux dovuta”, hija kellha żżomm quddiemha kemm dak li kienet tgħid id-Direttiva tal-Kunsill Ewropew 2007/65/KE u l-interpretazzjoni tagħha mill-Kummissjoni f’diversi każi li dwarhom sar moniteraġġ kemm f’Malta kif ukoll fi stati membri oħra Ewropej.
L-Awtorità qieset ukoll kif ġew deċiżi każi oħra simili kemm mill-Awtorità stess kif attwalment komposta, kif ukoll minn awtoritajiet regolatorji f’pajjiżi oħra. L-Awtorità saħqet li l-fatt li l-ġeneru tal-programm li dwarhu nħarġet l-akkuża, jagħti l-faċilita` lill-produttur li juża t-tqegħid ta’ prodotti kummerċjali, din il-faċilita` bl-ebda mod ma tagħti xi dritt lill-produttur li jittrasforma l-programm f’wieħed reklamatorju. Żiedet li l-użu tal-prodott għandu jkun jidher waqt il-programm bħala inċidentali u konness mal-kontenut u ma jistax ikun hemm iffukar mill-viċin jew saħansitra jsiru riferenzi promozzjonali speċjali għal dak il-prodott jew servizz.
L-Awtorità saħqet li bl-ebda mod ma setgħet taċċetta t-teżi tad-difiża li, fl-istanzi msemmija fl-akkuża, l-prodott intwera b’mod prominenti minħabba esiġenzi ta’ produzzjoni (biex tiġi stabbilita` il-lokalità jew il-ħin tal-istorja fil-programm) jew għal raġuni ta’ krejattività waqt l-iffilmjar. Kieku kellha taċċetta din it-teżi, l-Awtorita` kienet tkun qed tagħti libertà assoluta lil kull produttur biex juża l-prodotti waqt il-programm kif irid hu, anke kontra dak li titlob id-Direttiva fuq ċitata li hija nkorporata fil-Liġi Dwar ix-Xandir f’Malta. Dan, l-Awtorita` ma setgħetx tagħmlu għax jekk tagħmel hekk, hi stess tkun qed tmur kontra l-liġi li hi qegħda hemm biex tara li tiġi osservata.
L-Awtorità żiedet li hija kienet konxja mid-diffikultajiet finanzjarji li jħabbtu wiċċhom magħhom il-produtturi ta’ programmi u l-istazzjonijiet tat-televiżjoni f’Malta, u sa fejn huwa possibbli mhux biss tgħin imma tkun flessibbli biex ma jintefgħax piż finanzjarju addizjonali fuqhom, iżda ma tistax taċċetta l-anqas it-teżi tad-difiża li jekk il-produtturi ta’ programmi Maltin ma jingħatawx ċerta liberta` biex ikunu jistgħu jikkompetu ma’ stazzjonijiet barranin li għandhom għad-disposizzjoni tagħhom riżorsi finanzjarji ferm akbar, dan iwassal biex ċerti programmi ma jibqgħux isiru. Dan ma jiġġustifikax il-ksur tal-Liġi Dwar ix-Xandir.
Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, l-Awtorita` iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata imma minħabba li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon ġie misjub ħati ta’ ksur tal-Liġi dwar ix-Xandir fl-aħħar sentejn dwar dan il-programm, ma kienetx ser timponi l-penali dovuta. Madankollu kienet qed twiddeb lill-istazzjon u lill-produttur biex tali ksur ma jirrepetix ruħu, u li ser tibqa’ tkun viġilanti biex tassigura li l-provvedimenti tal-Liġi Dwar ix-Xandir, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ prodotti kummerċjali u l-prominenza li tingħatalhom, ikunu osservati u f’każ li jerġa jirriżulta ksur tal-liġi tieħu dawk il-passi kollha li huma kontemplati fl-istess Liġi Dwar ix-Xandir.
Illum 11 ta’ Ġunju 2015