ONE - Esquire - 2 ta' Mejju 2015

Deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir dwar l-akkuża fir-rigward ta’ ONE dwar l-edizzjoni tal-programm Esquire

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-programm Esquire li xxandar fit-2 ta’ Mejju, 2015 fuq ONE, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir rigwardanti l-isponsorship ta’ ċerti rkejjen speċifikament ir-rokna ta’ informazzjoni dwar l-għodod u l-prodotti li jintużaw għat-tqaxxir tal-leħja, meta ttellgħet caption bil-logo ta’ The Men’s Room: Home of Barbers u Hair Nails and Beauty Supplies filwaqt li ntqal li din is-sezzjoni ġiet miġjuba lilkom grazzi għal The Men’s Room u Hair Nails and Beauty Supplies.  Fl-istess programm fi tmiem ir-rokna ta’ informazzjoni dwar il-ħwejjeġ tal-irġiel ittellgħet caption bil-logo ta’ Desire Menswear filwaqt li ntqal li “Din is-sezzjoni ġiet miġjuba lilkom grazzi għal Desire Menswear.”

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella Micallef li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lil Ms Charmaine Cassar produttriċi tal-programm, f’seduta li nżammet fid-19 ta’ Mejju 2015.

Minn naħa tagħha Ms Ruth Vella Micallef ikkontendiet li din kienet produzzjoni relattivament ġdida u filwaqt li ammettiet l-akkuża qalet li f’dan il-każ bi żvista kienet saret referenza għall-isponsors meta dan ma kienx permissibbli. Żiedet li l-istazzjon kien ħa l-miżuri neċessarji sabiex dan in-nuqqas jiġi evitat u jkunx ripetut. 

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-istazzjon in partikolari tal-ammissjoni  u qablet li din l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istess biex ma jirrepetix tali nuqqas.   

 

Illum 11 ta’ Ġunju 2015