Deċiżjoni għal ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS dwar ksur tad-direttiva matul ix-xandira tal-programm ‘Animal Diaries’ ta’ nhar it-2 ta’ Mejju 2026.
Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS dwar ksur tad-direttiva matul ix-xandira tal-programm ‘Animal Diaries’ ta’ nhar it-2 ta’ Mejju 2026.
Għas-smigħ skedat għal nhar l-Erbgħa 6 ta’ Mejju 2026, dehru Dr Michael Piccinino bħala r-rappreżentant legali tal-Partit Nazzjonalista, Dr Mark Vassallo bħala r-rappreżentant legali għal PBS Ltd, l-Inġ Keith Chetcuti, Kap Eżekuttiv ta’ PBS u l-Inġ Charles Dalli bħala Editur ta’ PBS.
Dr Mark Vassallo, għall-PBS minnufih spjega li l-intervista li saret ma’ Dr Fleur Abela, il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, ma kellhiex toħroġ. Spjega li Animal Diaries ikun reġistrat u jgħaddi għal Quality Control u ċioè għall-approvazzjoni. Qal li bejn meta għadda l-programm u meta xxandar il-programm kien kien hemm il-festa tal-1 ta’ Mejju 2026 fejn imbagħad laħqet ħarġet ix-xandira. Dr Mark Vassallo qal ukoll li inkwantu rimedju, jirrimetti ruħu għad-deċiżjoni tal-Bord iżda ma jemminx li hemm lok għalih. Esebixxa wkoll email interna bid-dati tar-reġisistrazzjoni u approvazzjoni tal-programm in kwistjoni. Dr Mark Vassallo qal li l-istazzjon ma kienx jaf li Dr Fleur Abela se tkun qed tikkontesta.
Dr Michael Piccinino wieġeb li d-direttiva qegħda hemm biex tissalvagwardja l-obbligi legali u li meta din tinkiser ikun hemm żbilanċ li l-Bord tal-Awtorità għandu obbligu jirranġa.
Dr Mark Vassallo wieġeb li Dr Fleur Abela kienet qed titkellem dwar l-annimali u staqsa jekk ir-rimedju suġġerit hux li jmur esponent tal-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq l-istess tema, ċioè l-annimali.
Wara li l-partijiet ħallew is-smigħ, il-Bord għadda sabiex jikkunsidra s-sottomissjonijiet.
Il-Bord qed jilqa’ dan l-ilment u jordna l-qari ta’ dan is-sunt qabel il-bulettin tal-aħbarijiet sa mhux iżjed tard minn 48 siegħa minn din id-deċiżjoni.
“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir għamel referenza għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar ksur tad-direttiva da parti tal-istazzjon pubbliku Public Broadcasting Services Ltd, meta fit-2 ta’ Mejju 2026 xandar intervista waqt il-programm Animal diaries mal-Kummissarju tal-Annimali. Irriżulta li din il-persuna se tikkontesta l-elezzjoni ġenerali u għalhekk inħoloq ksur tad-Direttiva. Wara li l-istazzjon ta spjega għal dan in-nuqqas, il-Bord ordna l-qari ta’ dan is-sunt u ordna lill-istazzjon sabiex ikun iżjed kawt”.
Smigħ 2_26 Ilment 4
Ref.: 6/26
7 ta’ Mejju 2026