Stqarrija Nru: 35/08
Akkuża fir-rigward tal-Programm ‘Bondi Plus’
L-Awtorita' kellha quddiemha akkuża tal-Kap Esekuttiv dwar il-programm “Bondi Plus” li xxandar fuq TVM fl-10 ta’ Marzu 2008.
Fl-akkuża ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 25 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir peress li f’dan il-programm partikolari kien hemm 17-il minuta u ħamsa u tlettin sekonda ta’ reklamar fis-siegħa orarja bejn id-9.00p.m. u l-10.00p.m. minflok it-12-il minuta ta’ reklamar permessi mil-liġi.
Wara li l-Awtorita' rat l-artiklu 41, il-paragrafu 25 tat-Tielet Skeda u l-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, hija mponiet penali amministrattiva fl-ammont ta’ elf, mija u erbgħa u sittin Euro (€1,164), ekwivalenti għal ħames mitt Lira Maltija (Lm500), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mid-data tad-deċiżjoni. L-Awtorita' ddiriġiet lil PBS Ltd. biex taqra sunta ta’ din id-deċiżjoni fil-bullettin ta’ l-aħbarijiet ta’ TVM mhux aktar tard mis-Sibt, 12 t’April 2008.
Mario Axiak 14 t’April, 2008
Kap Riċerka u Komunikazzjoni