Rilaxx: Immedjat
Data: 10 ta’ Mejju 2019
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA 09/19
L-Awtorità tirreferi għar-rapporti dwar il-parteċipazzjoni tas-Sur Norman Lowell fuq programm tat-televiżjoni lokali F Living.
L-Awtorità tax-Xandir fuq indikazzjoni tad-Dipartiment tal-Monitoraġġ l-għada tax-xandira bdiet il-proċess ta’ evalvazzjoni tal-kontenut tax-xandira tal-5 ta’ April, u fit-12 ta’ l-istess xahar ħarġet akkuża fil-konfront tal-programm Attwali tal-istazzjon F Living.
Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Awtorità ittieħdet f’seduta ta’ smigħ li saret fis-17 ta’ April, 2019.
L-Awtorità osservat li wara l-intervent tagħha u anki l-għaqal tal-preżentaturi/ġurnalisti tal-PBS, is-Sur Lowell kien aktar moderat u prudenti fil-kummenti tiegħu fil-programmi li s’issa ħa sehem fihom.
Is-seduti tas-smigħ tal-akkużi huma pubbliċi filwaqt li d-deċiżjonijiet kollha tal-Awtorità jkunu ippubblikati fuq is-sit elettroniku http://www.ba-malta.org/badecisions_byyear
Din hija d-deċiżjoni hekk kif ġiet ikkomunikata lill-Istazzjon:
Deċiżjoni dwar l-akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward il-programm
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Karl Bonaċi li kien akkumpanjat mis-Sur Gilio Pirrone f’isem F Living u lis-Sur Kevin Mercieca għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fis-17 t’April, 2019. Minn naħa tiegħu s-Sur Karl Bonaci qal li b’dan il-programm l-istazzjon kien qiegħed josserva d-direzzjoni tal-Awtorità billi jagħti spazju lill-mexxejja tal-partijiet differenti li kienu ser jikkontestaw l-elezzjoni u b’hekk tinżamm ħajja d-demokrazija. Żied li b’dawn il-programmi l-istazzjon kien qed jirrispetta l-liberta’ tal-espressjoni. Is-Sur Bonaci qal li bħalu ċ-ċittadini/votanti ukoll kellhom d-dritt li jkunu jafu x’kien qiegħed jgħid is-Sur Lowell u dan biex ikunu nfurmati aħjar għal min kellhom jivvutaw. L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat ukoll deċiżjoni preċedenti tagħha dwar każ simili u filwaqt li rriaffermat l-importanza tat-tħaris tad-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni saħqet li dan id-dritt ma kienx assolut u kienet ir-responabbiltà tal-istazzjon li jara u jassikura li d-drittijiet ta’ terzi persuni ikunu protetti. F’dan il-każ u in vista ta’ din l-argumentazzjoni ddeċidiet li ċerti kummenti li kienu saru waqt il-programm in partikolari dawk dwar persuni b’diżabilita’ kienu jmorru kontra l-gosti tajbin u għalhekk qablet li l-akkuża f’dan is-sens ġiet ippruvata u ddeċidiet li kellha timponi l-penali ridotta fl-ammont ta’ elf mija u sittin Euro (€1160) liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika. Illum it-3 ta’ Mejju, 2019 |
Mario Axiak
Kap Riċerka u Komunikazzjoni
10 ta’ Mejju 2019