Ċirkulari 12/14
Ċirkulari lill-Istazzjonijiet Kollha tax-Xandir
Jumejn tas-Silenzju - Elezzjoni tal-Parlament Ewropew 2014
Infakkarkom li l-kampanja elettorali b’rabta mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew 2014 tiġi fi tmiemha llejla f’nofsilejl u allura b’hekk jibda l-perjodu tas-silenzju.
Permezz ta’ din iċ-ċirkulari qed infakkarkom biex ma jsir l-ebda tip ta’ xandir wara nofsilejl li b’xi mod jista’ jiġi interpretat li qed jikser il-provedimenti tad-direttiva. B’mod partikulari niġbdilkom l-attenzjoni sabiex tiżguraw li ma tiġi mxandra l-ebda ripetizzjoni ta’ programmi li jkunu xxandru matul il-jum tal-Ħamis jew ġranet qabel u li fihom ikun hemm kontenut li jitqies ta’ natura politika jew b’xi mod jista’ jiġi interpretat li jikser il-provedimeni tal-jum tas-silenzju.
Waqt il-jum tal-votazzjoni mhux permess li stazzjon ixandar żjarat tal-mexxejja jew uffiċjali għolja tal-partiti politiċi li dawn jistgħu jagħmlu f’każini, pjazez, toroq jew kwartieri/ufficini. Dawn iż-żjarat jistgħu jixxandru biss wara l-għeluq tal-postijiet tal-votazzjoni.
Daqstant ieħor mhux permess li stazzjon ixandar storja jew rapport li jkun qed jidher fuq xi sit elettroniku li fin-natura tiegħu jitqies li jikser il-provvedimenti marbuta mal-ġranet tas-silenzju.
M’għandu jixxandar l-ebda crawl fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni li b’xi mod tista’ tiġi interpretata li qed tikser il-provvedimenti tal-ġranet tas-silenzju.
F’każ li stazzjon tat-televiżjoni jagħżel li jxandar logo speċifikament għall-ġurnata tal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew għandu jiġi aċċertat li tali logo ma jkunx assoċjat mal-logos jew emblemi użati mill-partiti politiċi waqt il-kampanja elettorali.
Intom ukoll imfakkra li ksur tad-direttiva tal-Awtorità jista’ jwassal għal ksur tal-Liġi Elettorali li jista’ jwassal għall-proċeduri kriminali mill-Pulizija.
F’każ ta’ xi diffikultà nitlobkom tikkuntattjaw direttament lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità.
Pierre Cassar 22 ta’ Mejju 2014
Kap Eżekuttiv Ref 103/03/6/67