Ċirkulari 1/12
Lill-Istazzjonijiet Kollha tax-Xandir
Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti
Certificate in Proofreading Maltese
Nixtiequ niġbdulkom l-attenzjoni li fi Frar 2012 id-Dipartiment tal-Malti fl-Università bi sħab mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jniedu kors ieħor li jwassal għaċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti.
Dan huwa kors universitarju ta’ sena, part-time, u l-lezzjonijiet tiegħu jsiru darbtejn fil-ġimgħa, l-Università – nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis, mill-5.30pm sat-8.30pm.
Il-kors hu maħsub għal kull min juża l-Malti miktub fil-post tax-xogħol u għal kull min jixtieq li jsaħħaħ il-kitba tiegħu bil-Malti. Il-kors diġà temmewh b’suċċess xi xandara u ġurnalisti u x-xewqa tagħna hi li x-xandara kkwalifikati fil-kitba bil-Malti, jiżdiedu.
Għaldaqstant, l-Awtorità tax-Xandir din is-sena wkoll, qed tisponsorja l-ħlas tal-kors għal 4 xandara/ġurnalisti/edituri/kapijiet tal-programmi/produtturi tal-programmi tat-televixin u r-radju. Min hu interessat jattendi, għandu jikteb lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, is-Sur Pierre Cassar fl-indirizz: pierre.cassar@ba.org.mt.
Nemmnu bis-sħiħ f’dan il-kors u nħeġġukom biex tal-anqas tibagħtu impjegat/a (jew aktar) mill-kumpanija tagħkom għal dan il-kors. B’hekk ikollkom punt ta’ referenza sod fuq il-kitba bil-Malti għall-grafika tal-produzzjonijiet tagħkom.
L-applikazzjonijiet għall-kors fetħu u qed jintlaqgħu sal-Ġimgħa 13 ta’ Jannar 2012. Il-formola tal-applikazzjoni tista’ timtela’ mis-sit tal-Università: www.um.edu.mt/apply.
Peress li fadal biss ftit ġranet biex jagħlqu l-applikazzjonijiet, inħeġġiġkom biex tinfurmaw lill-impjegati tagħkom b’dan il-kors.
Pierre Cassar 10 ta’ Jannar 2012
Kap Eżekuttiv Ref 73/01