Aħbarijiet Finanzjarji, Premjijiet u SMS’s

Ċirkulari 20/09

Ċirkulari lill-Istazzjonijiet tat-Televiżjoni

 

Aħbarijiet Finanzjarji

Nagħmel referenza għaċ-ċirkulari 19/09 dwar aħbarijiet finanzjarji. Infakkarkom li dawn ir-regolamenti daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009. Madankollu, jidher li hemm xi stazzjonijiet li għadhom ma bdewx jaderixxu ma’ dawn ir-regolamenti.

Jekk dan in-nuqqas jibqa’ jippersisti, ma jkollix triq oħra ħlief li noħroġ l-akkużi skont il-liġi.

Għall-fini ta’ kjarifika, qed nerġa’ nehmeż kopja ta’ din iċ-ċirkulari.

 

Premjijiet u SMS’s

Niġbdilkom ukoll l-attenzjoni għall-Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir. Hemm ċerti stazzjonijiet li mhumiex qed iħabbru l-ismijiet tar-rebbieħa tal-kompetizzjonijiet fi programmi varji. L-Awtorità tax-Xandir taċċetta wkoll li dawn l-ismijiet jixxandru permezz ta’ crawl waqt l-istess programmi jew edizzjoni li jkun imiss ta’ dak il-programm partikolari.

Nieħu l-opportunità wkoll biex infakkarkom fil-Ħtiġijiet li hemm marbuta mat-tmexxija ta’ kompetizzjonijiet u l-għoti tal-premjijiet fil-mezzi tax-xandir. Ħafna drabi jiġri li telespettaturi jintalbu jċemplu jew jibagħtu sms fuq numri ‘premium’ li r-rata tagħhom tkun ferm aktar għolja minn rati normali.

Huwa d-dmir ta’ kull stazzjon li jinforma lit-telespettaturi liema huma dawk l-operaturi tal-mobile li qegħdin jieħdu sehem fil-kompetizzjoni. Peress li issa fis-suq hawn numru ta’ operaturi differenti, l-istazzjonijiet tat-televizjoni għandhom jiżguraw li kompetizzjoni tkun miftuħa għall-klijenti kollha tal-operaturi kollha. 

F’kaz li għal xi raġuni jew oħra, operatur jew operaturi tal-mobile ma jkunux inklużi f’xi kompetizzjoni, it-telespettaturi għandhom id-dritt ikunu jafu liema huma dawk in-networks inklużi fil-kompetizzjoni.

Jekk ċerti nuqqasijiet, bħal tħabbir ta’ rebbieħa fi programmi, jippersistu, allura nkun kostrett li noħroġ akkuża minħabba ksur ta’ Leġislazzjoni Sussidjarja 350.22.

 

Nappella għall-kooperazzjoni tagħkom.

 

Pierre Cassar                                                                                                                                                10 ta’ Diċembru 2009

Kap Eżekuttiv                                                                                                                                                Ref 20/01, 45/00               

Awtorità tax-Xandir