L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-Kap Eżekuttiv dwar l-edizzjoni tal-programm Voyeur (The Virtu Ferries Adventure) li xxandar fil-11 ta’ Mejju, 2015 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16(M)(3)(c) tal-Att Dwar ix-Xandir meta matul dan il-programm waqt wieħed mill-kastigi li ngħataw il-parteċipanti kien hemm iffukar żejjed fuq il-van tal-Koptaco (li huwa sponsor uffiċċjali tal-programm). Imwaħħla mal-van kien hemm tabella tal-Virtu Ferries (sponsor ieħor tal-programm) li wkoll kien hemm iffukar fuqha. Intant waqt il-programm kien hemm żewġ każijiet fejn il-preżentatur deher b’pakkett tat-Twistees f’idu.
L-Awtorità semgħet lil Dr Joanna Spiteri (li kienet qed tidher fl-assenza tal-Kap Eżekuttiv) u lil Ms Marouska Pisani Bugeja f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fl-14 ta’ Lulju 2015, li minn naħa tagħha filwaqt li ammettiet l-akkuża, qalet li dan in-nuqqas kien riżultat tal-inesperjenza u entusjażmu żejjed minn naħa tal-editur tal-programm u li ma kien hemm l-ebda intenzjoni li tinkiser il-liġi.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari tal-ammissjoni tal-istazzjon u qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur f’dan il-programm iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.
Illum 23 ta’ Lulju 2015