Net TV - Gateway to Miss World - 15 t'April 2015

Akkuża fil-konfront ta’ NET TV dwar il-programm Gateway to Miss World li xxandar fil-15 t’April 2015

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-programm  Gateway to Miss World li xxandar fil-15 t’April 2015 fuq NET TV fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ 16M(3)(ċ) tal-Att dwar ix-Xandir meta dan il-programm kellu diversi ksur ta’ dispożizzjonijiet tal-Att Dwar ix-Xandir u ċioè:

  1. iffukar fuq diversi prodotti tad-ditta Golden Rose; waqt is-servizz tal-photoshoot dehru l-istilisti tax-xagħar jaħdmu fuq il-mudelli u kien hemm iffukar fuq il-prodotti tad-ditta Golden Rose.

  2. iffukar fuq it-tabella tal-ħanut Dash Hairdressing; waqt is-servizz tal-photoshoot kien hemm iffukar fuq it-tabella tal-ħanut Dash Hairdressing.

  3. kummenti minn Leanne Mallia (l-istilista tal-irtokk) dwar il-karatteristiċi tal-prodott Perfect Finish Foundation; “Il-Perfect Finish foundation huwa ideali għal min għandu ġilda żejtnija għax jagħti effett matt fuq il-ġilda; allura ma jkollokx għalfejn toqgħod tagħmel ħafna blotting powder fuq il-ġilda”.

  4. iffukar fuq it-tabella tal-ħanut Tico-Tico Bar  segwita minn iffukar fuq tabella b’dettalji dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħanut Tico-Tico Bar; Hekk kif tlestew il-preparament fuq xagħar il-mudelli s-servizz tal-photoshoot kompla b’xeni minn fuq il-post fejn ittieħdet din il-photoshoot; hawnhekk kien hemm iffukar fuq it-tabelli ta’ Tico-Tico Bar. 

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Josef Fitzpatrick li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lil Ms Sue Rossi, produttriċi tal-programm, f’seduta li nżammet fid-19 ta’ Mejju 2015.

Minn naħa tiegħu s-Sur Fitzpatrick filwaqt li ammetta l-akkuża saħaq li l-istazzjon kien ħa l-miżuri neċessarji sabiex tali nuqqasijiet ma jirrepetux ruħhom.

Ms Rossi qalet li hija kienet spiss tikkuntattja lill-Kap tad-Dipartiment tal-Monitoring sabiex taċċerta ruħha li l-produzzjonijiet tagħha jaderixxu pjenament mal-liġi.  Żiedet li dan kien każ iżolat u sfortunat u kien jirrifletti nuqqas ta’ għarfien tal-interpretazzjoni ta’ product placement  min-naħa tal-produzzjoni u liema interpretazzjoni ġiet iċċarata. 

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-istazzjon in partikolari tal-ammissjoni u qablet li din l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istess biex ma jirrepetix tali nuqqas.

 

Illum 11 ta’ Ġunju 2015