Proċedura dwar l-ilmenti | |||
1.0 | L-Awtorità tax-Xandir u l-Bord | ||
| 1.1 | L-Awtorità tax-Xandir hija Awtorità Kostituzzjonali ffurmata skont Art. 118 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u skont Kapitolu 350 tal-liġijiet ta’ Malta. | ||
| 1.2 | Kull min iħoss li għandu jilmenta dwar xandira fuq stazzjon partikolari għandu jikkonforma mal-L.S. 350.06 u jilmenta quddiem il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir. | ||
2.0 | It-tħaddim tal-Proċedura | ||
Lil min jiġi ndirizzat ilment | |||
| 2.1 | Il-lanjant (min jilmenta) għandu jindirizza l-ilment tiegħu lix-xandar fuq l-indirizz uffiċjali li jinsab fuq is-sit tal-Awtorità tax-Xandir u jżomm lill-Bord tal-Awtorità kkupjat fuq complaints.ba@ba.org.mt jew jibgħat ittra fl-indirizz postali tal-Awtorità tax-Xandir. | ||
| 2.2 | Ix-xandar għandu l-obbligu li jaġġorna dan l-indirizz jekk ikun mibdul u għaldaqstant l-Awtorità tax-Xandir tqis kwalunkwe komunikazzjoni elettronika riċevuta minnha fejn ikun hemm inkluż l-indirizz elenkat, bħala riċevuta minnu. Fil-każ ta’ ittri, il-lanjant għandu jaċċerta li dawn jintbagħtu b’posta reġistrata. | ||
| 2.3 | Huwa d-dmir tax-xandar li jkollu l-indirizz elettroniku aġġornat u faċilment aċċessibbli fuq il-mezzi tiegħu, tali indirizz għandu jiġi kkomunikat fi żmien ta’ mhux iżjed minn jumejn meta mibdul. | ||
3.0 | Tweġiba tal-ilment | ||
| 3.1 | Ix-xandar għandu d-dritt iwieġeb ilment fi żmien 3 ijiem minn meta jirċevih. | ||
| 3.2 | Jekk il-lanjant iħoss li għandu jkompli jindirizza l-ilment wara li jirċievi r-risposta, għandu sa massimu ta’ 15-il jum mid-data li fiha jkun irċieva r-risposta tax-xandar jew minn meta jingħata r-rimedju għal dak l-ilment biex jagħmel dan. | ||
| 3.3 | F’każ li x-xandar ma jweġibx għall-komunikat tal-lanjant, dan għandu 18-il jum minn meta jkun għamel l-ilment max-xandar sabiex jitlob lill-Bord tal-Awtorità tax-Xandir jorganizza smigħ pubbliku. F’dan l-istadju l-ilment jiġi meqjus bħala lment uffiċjali. | ||
4.0 | Skedar ta’ smigħ ta’ lment | ||
| 4.1 | Is-Segretarju tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, wara li jkun ikkonsulta mal-Bord, jgħarraf lill-partijiet (il-lanjant u x-xandar) bid-data u ħin tas-seduta. | ||
| 4.2 | Fi żmien 72 siegħa, minn din l-istedina, sakemm mhux ordnat mod ieħor mill-Bord, il-partijiet għandhom jibagħtu kwalunkwe dokumenti li jixtiequ jirreferu għalihom matul is-smigħ, lista ta’ kelliema tal-fatti li jeħtieġu sa massimu ta’ 3 persuni, kif ukoll kwalunkwe punti preliminari. Din l-informazzjoni għandha tintbagħat fuq complaints.ba@ba.org.mt jew tiġi mwassla fl-indirizz tal-Awtorità tax-Xandir, indirizzata lis-Segretarju tal-Bord. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Bord ma jilqax dokumenti[1] matul is-smigħ, ma jismax kelliema tal-fatti rilevanti u ma jikkunsidrax punti preliminari mhux imressqa jew li jkunu differenti minn dawk imressqa. | ||
| 4.3 | Is-seduta tinżamm strettament fid-data kkomunikata lill-partijiet. | ||
| 4.4 | Il-komunikazzjoni għandha tintbagħat permezz ta’ email kif ukoll permezz ta’ ittra li titqassam bl-idejn lix-xandar. Stante li l-lanjant ikun ressaq l-ilment permezz ta’ email, il-Bord jassumi li d-dettalji tas-smigħ jistgħu jiġu notifikati fuq l-istess indirizz. | ||
5.0 | Talbiet ta’ differiment | ||
| 5.1 | Il-Bord jista’ jilqa’ talba għal differiment tas-smigħ f’każi eċċezzjonali u dan isir biss darba għal kull parti. Il-Bord jista’ wkoll jistaqsi għall-prova ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li ma jistgħux jirrigwardjaw nuqqas ta’ disponibbiltà tal-persuna li takkumpanja jew tirrapreżenta lil xi parti. | ||
| 5.2 | Il-Bord jagħmel ħiltu sabiex jaċċerta li s-seduti jinstemgħu sa mhux aktar minn 30 jum mill-ilment uffiċjali u ma għandux jintlaqa’ l-ebda differiment jekk ma jkunx possibbli għall-Bord li jakkomoda smigħ matul il-perjodu msemmi. | ||
| 5.3 | Rikjesti għall-kunsiderazzjoni tad-differiment jiġu aċċettati biss jekk l-istess rikjesti jaslu għand l-Awtorità tax-Xandir sa 48 siegħa qabel is-smigħ għajr għal każijiet eċċezzjonali li dwarhom il-Bord jista’ jitlob kjarifika. Il-Bord mhux obbligat li jilqa’ ftehim bejn il-partijiet għal differiment. | ||
6.0 | Karatteristiċi ta’ seduti tas-smigħ | ||
| 6.1 | Lanjant u/jew xandar jista’ jiġi akkumpanjat jew rappreżentat minn persuna oħra tal-fiduċja tiegħu inkluż avukat. | ||
| 6.2 | Is-smigħ tal-ilmenti tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir taħt il-Liġi Sussidjarja 350.06, huma pubbliċi, iżda l-lanjant u/jew ix-xandar għandhom id-dritt jitolbu smigħ privat f’każijiet meta ma jkunx fl-interess tal-każ mismugħ li d-dettalji tal-istess isiru fil-pubbliku. Talbiet simili jridu jkunu ben motivati sabiex jintlaqgħu mill-Bord. Dawn it-talbiet għandhom jintbagħtu fi żmien 72 siegħa minn meta jittressaq l-ilment uffiċjali u jinkludu l-informazzjoni bħad-dokumenti, kelliema tal-fatti u punti preliminari. | ||
| 6.3 | Il-partijiet għandhom jaċċertaw li jattendu fil-ħin u lebsin ilbies xieraq. | ||
| 6.4 | Persuni oħra (apparti dawk imsemmija f’punt 6.1) li jattendu għall-ilment iridu jidentifikaw ruħhom mas-Segretarju tal-Bord u jridu jipproduċu dokument tal-identità (karta tal-identità, liċenzja jew passaport) validu sabiex jitħallew isegwu s-smigħ. | ||
| 6.5 | Is-smigħ jinstema’ xorta jekk ir-rappreżentant tax-xandar ma jkunx attenda fil-ħin stipulat jew jekk iħalli s-smigħ qabel jintemm. L-ilment jiġi skartat jekk il-lanjant ma jattendix is-smigħ fil-ħin. | ||
| 6.6 | Il-ħin ta’ stennija sabiex jibda smigħ jekk xi parti ma tkunx preżenti fil-ħin appuntat ikun ta’ 10 minuti mis-sejħa tas-seduta. | ||
| 6.7 | Il-Bord jippermetti kemm smigħ kif ukoll xhieda online meta rikjesta, dejjem għal raġuni valida. Madankollu, kwalunkwe diffikultajiet tekniċi ma jimpedux lill-Bord milli jsegwi l-proċedura skont il-paragrafu ta’ qabel dan. | ||
7.0 | L-andament tas-seduta tas-smigħ | ||
| 7.1 | Iċ-Chairman jiftaħ is-smigħ billi jistieden lil-lanjant jagħti introduzzjoni qasira ta’ mhux aktar minn 3 minuti, li fiha l-lanjant jispjega n-natura tal-ilment. | ||
| 7.2 | Din tkun segwita mir-risposta qasira ta’ mhux aktar minn 3 minuti, tax-xandar. | ||
| 7.3 | Wara li l-Bord jisma’ lil persuna waħda minn kull parti, jgħaddi sabiex jistedinhom iressqu dawk il-kelliema tal-fatti riferiti sa 72 siegħa mill-ilment uffiċjali, fl-istess ordni. Ir-responsabbiltà li jittressqu x-xhieda indikati mill-partijiet, hija tal-istess parti, li għandhom javżawhom bid-data u ħin u jistednuhom jattendu s-smigħ sabiex jagħtu l-fatti li huma jafu bihom fuq il-mertu tal-każ. | ||
| 7.4 | Is-smigħ jagħlaq bis-sottomissjonijiet finali minn persuna waħda minn kull parti li ma għandhomx ikunu ta’ aktar minn 10 minuti għal kull parti u meta jinħass il-bżonn b’domandi li l-membri tal-Bord jistgħu jagħmlu lil kwalunkwe parti. | ||
| 7.5 | Il-Bord jista’ jisma’ sottomissjonijiet għal ħin itwal, kif ukoll jordna li s-smigħ ikompli f’seduta oħra. | ||
| 7.6 | Il-proċedura tas-smigħ tal-ilmenti ma tippermettix verbalizzar mill-partijiet. | ||
| 7.7 | Membri tal-pubbliku jew persuni oħra li jakkumpanjaw lill-partijiet u li ma jkunux mistiedna jindirizzaw lill-Bord, ma jitħallewx jidħlu għas-smigħ jekk dan ikun diġà beda filwaqt li ma jistgħux jgħaddu kummenti dwar dak li jkun qed jingħad. | ||
| 7.8 | Iċ-Chairman jista’ jistieden lil kwalunkwe persuna sabiex toħroġ mis-smigħ f’każ ta’ nuqqas ta’ bon ordni, interruzzjonijiet jew f’każ ta’ lbies mhux diċenti. | ||
| 7.9 | L-ilment għandu jiġi deċiż f’seduta waħda. Huwa biss f’każi eċċezzjonali u meta biss permess mill-Bord li s-smigħ jitkompla f’seduta oħra. Madankollu l-Bord ma għandu qatt jippermetti aktar minn 2 seduti sabiex jingħalaq smigħ. | ||
| 7.10 | Il-Bord jista’ jordna lil kwalunkwe parti sabiex sussegwentement għal xi xhieda li tkun ingħatat, tressaq stqarrija ġuramentata ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ xi kelliem tal-fatti. F’dak il-każ, il-kopja oriġinali tal-istqarrija ġuramentata għandha tittieħed fiżikament lill-Awtorità tax-Xandir fi żmien 3 ijiem minn meta rikjesta. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Bord jiskarta dak kollu li jkun xehed fuqu dak il-kelliem. | ||
| 7.11 | Wara li jintemm is-smigħ u li jallontanaw il-partijiet, il-Bord jgħaddi sabiex jiddiskuti l-ilment u jiddeċiedi dwaru. Id-deċiżjoni għandha tiġi mibgħuta lill-partijiet u tittella’ fuq is-sit tal-Awtorità fi żmien mhux iżjed tard minn 15-il jum mill-aħħar seduta. | ||
| 7.12 | Reġistrazzjoni tas-smigħ mhux permessibbli. | ||
8.0 | Smigħ urġenti | ||
| 8.1 | Il-proċedura tas-smigħ ma tapplikax għal smigħ urġenti. | ||
| 8.2 | Matul perjodu ta’ direttiva jew meta l-lanjant iħoss li l-ilment għandu jinstema’ b’mod urġenti, għandha tiġi indikata b’mod ċara l-urġenza fis-suġġett tal-email jew l-ittra. | ||
| 8.3 | Jekk il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir jilqa’ l-urġenza, jista’ jiddispensa mir-risposta tax-xandar jew jistabbilixxi perjodu iqsar għall-istess. | ||
| 8.4 | F’każ ta’ ilment urġenti, ma jiġux milqugħa rikjesti għal differiment. | ||
| 8.5 | F’dawn il-każi, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir għandha tkun ippubblikata fi żmien ta’ mhux iktar minn 5 ijiem ta’ xogħol minn meta tingħata. | ||
9.0 | Liġi Sussidjarja 350.07 | ||
| 9.1 | Din il-proċedura ma tapplikax għall-akkużi maħruġa ai termini tal-L.S.350.07 għajr meta l-ilment ikun assistit bl-akkuża skont Art. 4 tal-L.S.350.07. | ||
| 9.2 | F’dan il-każ il-Kap Eżekuttiv jew ir-rappreżentant tiegħu jitkellem wara l-lanjant u qabel ix-xandar, filwaqt li kwalunkwe dokumenti jew xhieda, dawn iridu jiġu notifikati lill-partijiet skont il-proċedura. | ||
April, 2026
[1] Dokumenti “tinkludi filmati, ritratti, screenshots u informazzjoni diġitali”